Skip to main content

L-Istrateġija tal-UE għaż-Żgħażagħ

L-UE żviluppat Strateġija tal-UE għaż-Żgħażagħ u tixtieq li ż-żgħażagħ jinvolvu ruħhom u jsiru ċittadini attivi involuti fid-demokrazija u fis-soċjetà. Nixtiequ li ż-żgħażagħ jgħidulna x’inhu importanti għalihom billi jieħdu sehem fid-Djalogu tal-UE maż-Żgħażagħ.

Il-grupp tal-partijiet ikkonċernati tal-UE fil-qasam taż-żgħażagħ

Xi skop għandu l-grupp tal-partijiet ikkonċernati tal-UE fil-qasam taż-żgħażagħ?

Il-grupp tal-partijiet ikkonċernati tal-UE fil-qasam taż-żgħażagħ għandu l-għan li jinvolvi lill-organizzazzjonijiet Ewropej taż-żgħażagħ, lill-kunsilli nazzjonali taż-żgħażagħ, lir-riċerkaturi fil-qasam taż-żgħażagħ, lir-rappreżentanti tal-Istati Membri, u lil istituzzjonijiet oħrajn tal-UE fl-implimentazzjoni tal-legat tas-Sena Ewropea taż-Żgħażagħ 2022 u tal-Istrateġija tal-UE għaż-Żgħażagħ 2019–2027, u li jiffaċilita l-iskambji u l-konsultazzjonijiet maż-żgħażagħ dwar l-inizjattivi politiċi li jmiss tal-UE. 

Il-grupp huwa maħsub biex:

  1. jiskambja l-għarfien u l-prattiki tajbin fl-involviment, il-konnessjoni, u t-tisħiħ tal-pożizzjoni taż-żgħażagħ, u fl-implimentazzjoni tal-istrateġija tal-UE għaż-żgħażagħ 2019–2027 u l-istrumenti tagħha, inkluż id-djalogu tal-UE maż-żgħażagħ;
  2. jiffaċilita l-proċess tal-“verifika taż-żgħażagħ” tal-Kummissjoni, b’mod partikolari l-konsultazzjonijiet taż-żgħażagħ, l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ, u partijiet ikkonċernati rilevanti oħrajn;
  3. jgħin biex in-nies jifhmu aħjar il-ħtiġijiet u t-tħassib taż-żgħażagħ u tal-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ, fid-diversità tagħhom u f’diversi livelli, u
  4. iservi bħala grupp konsultattiv u inkubatur tal-ideat u tal-azzjonijiet li jwasslu għal inizjattivi konġunti għall-benefiċċju taż-żgħażagħ.

Kif jaħdem il-grupp tal-partijiet ikkonċernati tal-UE fil-qasam taż-żgħażagħ?

Il-Kummissjoni Ewropea torganizza laqgħat speċifiċi tal-grupp. Bejn laqgħa u oħra, il-membri tal-grupp ikunu jistgħu jiskambjaw l-għarfien u l-prattiki tajbin fuq pjattaforma online. 

L-ewwel laqgħa tal-grupp tal-partijiet ikkonċernati tal-UE fil-qasam taż-żgħażagħ — 27–28 ta’ Marzu 2025 fi Brussell 

Min jagħmel parti mill-grupp tal-partijiet ikkonċernati tal-UE fil-qasam taż-żgħażagħ?

Il-grupp ilaqqa’ flimkien rappreżentanti tal-UE, rappreżentanti tal-Istati Membri/tal-ministeri tal-UE, kunsilli nazzjonali taż-żgħażagħ tal-UE, għażla ta’ partijiet ikkonċernati mill-qasam taż-żgħażagħ fil-livell Ewropew, u riċerkaturi fil-qasam taż-żgħażagħ. 

Il-grupp hu kkoordinat mill-Kummissjoni Ewropea. ll-laqgħat tal-grupp jiġi ppreseduti mill-Koordinatur tal-UE għaż-Żgħażagħ. 

Kif intgħażlu l-membri tal-grupp tal-partijiet ikkonċernati tal-UE fil-qasam taż-żgħażagħ?

L-Istati Membri u l-kunsilli nazzjonali taż-żgħażagħ kollha tal-UE ġew mistednin jinnominaw rappreżentanti għall-grupp. 

F’Lulju 2024, il-Kummissjoni Ewropea ħarġet sejħa miftuħa għall-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ fil-livell Ewropew li kienu interessati jsiru membri tal-grupp tal-partijiet ikkonċernati tal-UE fil-qasam taż-żgħażagħ. 

B’kollox, 66 organizzazzjoni mis-76 applikazzjoni li daħlu tqiesu eliġibbli. Abbażi tal-kriterji tal-għażla kif deskritti fis-sejħa għal espressjoni ta’ interess, u l-ħtieġa li jiġi żgurat bilanċ fir-rigward tal-kopertura ġeografika, tal-għarfien espert fis-settur, u tad-diversità, intgħażlu 40 organizzazzjoni biex isiru membri tal-grupp tal-partijiet ikkonċernati tal-UE fil-qasam taż-żgħażagħ. Ara l-lista sħiħa tal-organizzazzjonijiet magħżulin.

Mill-organizzazzjonijiet magħżulin:

  • 71% huma mmexxijin miż-żgħażagħ. Il-bqija għandhom struttura konsultattiva għaż-żgħażagħ, li tikkontribwixxi għall-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet;
  • 54% ma jagħmlu parti mill-ebda network, parti ikkonċernata, jew gruppi ta’ esperti oħrajn immexxijin mill-Kummissjoni Ewropea;
  • 46% jikkontribwixxu għad-djalogu tal-UE maż-żgħażagħ;
  • 27% jagħmlu attivitajiet jew għandhom membri fl-Istati Membri kollha tal-UE. Il-bqija jagħmlu attivitajiet jew għandhom membri f’mill-inqas nofs l-Istati Membri kollha tal-UE.

Jekk għandek xi mistoqsija relatata mal-grupp tal-partijiet ikkonċernati tal-UE fil-qasam taż-żgħażagħ, tista’ tikkuntattja lil EAC-YOUTH@ec.europa.eu